Jiddispjaċihom mhux għax għamlu l-ħażin imma għax inqabdu
- James Aaron Ellul
- Nov 29, 2024
- 2 min read
La Robert Abela mhux kapaċi, se jerġa’ jkun il-poplu Malti li jagħti direzzjoni ġdida lil pajjiżna.
Ma kellniex nistennew sal-lum, li nsostnu l-kliem Gvern bi frodi biss u spiss biex wieħed mill-Ministri jitneħħa, iżda issa hemm bżonn li oħrajn jerfgħu r-responsabbiltà wkoll. L-aħħar ġrajjiet komplew juru kemm il-Gvern tilef kull kredibilità, u l-ħidma tiegħu dgħajfet ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż serju u affidabbli.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li Malta jistħoqqilha ħafna aktar minn dan. Filwaqt li l-poplu qed jitlef il-fiduċja fil-Gvern kurrenti, hemm bżonn viżjoni ġdida li tressaq lill-pajjiż lejn ġejjieni aktar trasparenti, sostenibbli, u ġust.
Gvern fi kriżi
L-aħħar ġrajjiet u skandli huma biss sintomi ta’ kriżi akbar. Għandna sistema li spiċċat tintuża għal interessi personali minflok biex issaħħaħ is-servizzi, il-governanza, u l-futur tal-poplu. Dan it-tip ta’ tmexxija wassal għal serq kontinwu tal-potenzjal ta’ Malta, fejn it-talenti u l-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin qed jintilfu minħabba amministrazzjoni li għażlet il-korruzzjoni fuq is-servizz lejn in-nies.
Il-Partit Nazzjonalista joffri alternattiva bbażata fuq il-prinċipji tal-integrità, ir-responsabbiltà, u l-għaqal fit-tmexxija. Hija viżjoni li tpoġġi lill-poplu ċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni, fejn il-governanza ma tkunx biss rigward li tidher tajba fuq il-karta iżda tkun verament aġir responsabbli u ta’ benefiċċju għall-ġid komuni.
Viżjoni għal Malta aktar ġusta
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech enfasizza numru ta’ drabi li Malta għandha bżonn bidla fundamentali fit-tmexxija. Biex tinħoloq sistema li taħdem għal kulħadd u mhux għal ftit privileġġjati.
Il-Viżjoni tal-Partit Nazzjonalista tinkludi:
Governanza trasparenti: sistema fejn kull ċenteżmu pubbliku jiġi kontabbli, u fejn hemm garanzija li dawk li jmexxu jerfgħu r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet tagħhom.
Investiment fil-ġustizzja: li tinbena sistema ġudizzjarja li tkun indipendenti tassew, fejn il-ġustizzja tkun ndaqs għal kulħadd, irrispettivament mill-pożizzjoni soċjali jew politika.
Ekonomija sostenibbli: politika ekonomika li tinvesti fil-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin, toħloq opportunitajiet ġodda għall-intrapriża u l-impjiegi, u ssaħħaħ setturi ġodda u mhux ekonomija mibnija fuq cheap labour u skjavitu modern. Ekonomija li tħalli liż-żgħażagħ f’pajjiżna.
Ambjent u kwalità tal-ħajja: tmexxija li tagħti prijorità lil politika ambjentali u infrastrutturali li toffri kwalità tal-ħajja aħjar għal kulħadd.
Il-poplu mal-PN iġib il-bidla
Jekk il-Prim Ministru mhux kapaċi jagħti lill-pajjiż il-bidla li tant hija meħtieġa, il-poplu se jkun dak li jagħmel dan b’vot għar-responsabbiltà u t-tama għal futur ġdid. Malta jistħoqqilha tmexxija li tirrispetta lill-poplu tagħha, u l-Partit Nazzjonalista huwa dak il-Partit li jirrapreżenta s-sewwa, it-trasparenza, u l-ġid komuni. Biex dawn jerġgħu jsiru l-pedament tal-pajjiż.
Dan mhux iżjed mument ta’ biża’ jew disfatta, iżda mument ta’ tama – tama li Malta tista’ u se tkun aħjar.
Artiklu li deher fuq in-Nazzjon il-Ġimgħa 29 ta' Novembru 2024




Comments