top of page

Il-PN għandu s-soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja

  • Writer: James Aaron Ellul
    James Aaron Ellul
  • Feb 12
  • 2 min read

Matul is-snin, il-poplu Malti u Għawdxi spiċċa jġorr piżijiet kbar kaġun tal-għoli tal-ħajja.

Fil-mixja politika hekk kif inkun qed niltaqa’ ma’ ħafna minnkom, minn familji li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji, għal negozji u self-employed li qed isofru, ilkoll qed insibu realtajiet qawwija li jinvolvu tbatija u sfidi li ma jistgħux jiġu injorati. Il-Partit Nazzjonalista għandu rwol fundamentali f’din is-sitwazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista għandu l-irwol li jekk hux fil-Gvern jew anki fl-Oppożizzjoni jagħti s-soluzzjonijiet.


ree

Aħna, il-PN, għandna nkomplu niltaqgħu ma' dawk li qed jiffaċċjaw il-piż ta' żidiet fl-ikel, mediċini, u servizzi, nisimgħu s-sentiment, imma wkoll fil-proċess li nagħmlu dan kollu, qed noffru s-soluzzjonijiet u rridu li dawn is-soluzzjonijiet ikunu diskussi fil-Parlament.


Il-Gvern Laburista mhux jisma’ l-karba ta’ bosta li jinsabu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar. Għalkemm spiss jagħmel reklamar għall-progress ekonomiku, ir-realtà hija ferm differenti minn dan kollu. Dan apparti wkoll li qed naraw realtà li flus kbar għal tal-qalba hemm bl-eluf, filwaqt li għall-poplu hemm biss iċ-ċiċri.


Il-PN huwa l-uniku partit li qed iwassal soluzzjonijiet għal dan il-piż, mhux biss bil-kritika, iżda b'proposti konkreti u reali li jindirizzaw l-isfidi li lkoll qed niffaċċjaw.


L-ewwel waħda fost il-proposti tal-PN hija l-COLA (Cost of Living Adjustment), għandha titħallas b’mod sħiħ u mingħajr taxxi fuqha. Hemm bżonn li l-ħaddiema u l-pensjonanti jibbenefikaw b’mod totali minn din l-għajnuna finanzjarja, sabiex jgħixu aħjar.


Il-PN qed jissuġġerixxi wkoll li l-Gvern jagħti tax credits lill-SMEs u lin-negozji, sabiex ikunu jistgħu jassorbu ż-żieda fil-pagi tal-ħaddiema u jagħtu servizzi mingħajr ma jkollhom jkomplu jżidu l-prezzijiet. Ma nistgħux nistennew li n-negozji, li huma l-għajnuna għall-ekonomija, ikunu sospiżi minħabba l-ispejjeż żejda, u l-PN qed jagħmel dan il-punt ċar fl-impenji tiegħu.


Fl-istess ħin, il-PN qed jissuġġerixxi li jinħoloq fond nazzjonali biex jipprovdi appoġġ lill-importaturi u l-esportaturi, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż kummerċjali. Il-kummerċ internazzjonali huwa essenzjali għas-suċċess ekonomiku tagħna, u jeħtieġ li nagħtu kull għajnuna possibbli biex l-oqsma kollha jimxu ‘l quddiem u javvanzaw.


Il-mudell ekonomiku li jappoġġja l-popolazzjoni, u l-akkumulazzjoni sproporzjonata tal-popolazzjoni kull ma jmur aktar qed jinħareġ kemm huwa mudell żbaljat. Mudell li addotta l-Gvern Laburista matul l-aħħar  snin.


Min-naħa l-oħra, il-PN jemmen li biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-familji u tan-negozji, jeħtieġ li jinbidel il-mod kif jiġu trattati l-opportunitajiet tal-ekonomija, bil-għan li jkun hemm impjiegi b’pagi aħjar u kwalità ta' ħajja aħjar.


Il-PN, bħala l-partit li qed iwassal is-soluzzjonijiet, u jifhem il-problemi ta’ kuljum li n-nies qed jiffaċċjaw. Din il-viżjoni hija waħda li se tgħin lis-soċjetà. Iżda mill-ġdid intenni, biex insolvu l-isfidi, jeħtieġ li l-ewwel naċċettaw li hawn l-isfidi. Il-PN huwa konxju ta’ dan. Il-poplu huwa konxju ta’ dan. Il-Gvern jeħtieġ ikun konxju ta’ dan, u jaddotta dawn il-prinċipji tal-PN, ħalli llum qabel għada s-sitwazzjoni ta’ bosta tittejjeb. Jekk dan ma jsirx, u l-Gvern jibqa’ jwebbes rasu, huwa fid-dover tal-PN li jibqa’ jkun Gvern alternattiv, bi proposti u ideat fejjieda.

 
 
 

Comments


bottom of page